Qagħaq tal-Ħmira

2014-09-10
  • Yield : 15 - 20
  • Prep Time : 0m
  • Cook Time : 0m
  • Ready In : 0m

L-iktar li fiha xogħol din ir-riċetta hija f’li toqgħod tistenna l-għaġina toqgħod; apparti minn hekk, mhix daqshekk diffiċli…

Ingredjenti

  • 500g dqiq
  • 200g zokkor
  • 200g marġerina jew butir
  • 13g ħmira
  • nofs kuċċarina qronfol mitħun
  • qoxra ta’ lumija maħkuka
  • 180ml ilma fietel
  • żerriegħa tal-ġulġlien
  • kuċċarina trab tal-vanilla

Metodu

  1. Qabel tibda, ma tagħmilx ħażin jekk tħakkek il-qoxra tal-lumija bil-lest u tqatta’ l-marġerina (jew butir) f’kaxex żgħar
  2. Ixħet dawn l-ingredjenti fi skutella kbira u ħallat tajjeb flimkien: dqiq, ħmira, zokkor, qronfol mitħun u t-trab tal-vanilla
  3. Żid il-qoxra tal-lumija
  4. Erġa’ ħallat tajjeb sakemm ikollok taħlita uniformi
  5. Żid il-marġerina (jew butir) ma’ din it-taħlita u għaġen b’idejk sakemm ikollok taħlita mrammla. Bħal dejjem, irridu nkunu ċerti li t-taħlita tiġi uniformi u li nibqgħu ngħaġnu sakemm il-marġerina titħallat sew – iġifieri ma tibqax tara biċċiet ta’ marġerina magħquda
  6. Kif tara li għandek taħlita tajba, ibda żid l-ilma ftit ftit biex toħroġ l-għaġina. Importanti li l-ilma jkun fietel u mhux kiesaħ jew jaħraq. Ma ninsewx li l-ħmira hija oġġett ħaj. Jekk titfa’ ilma jaħraq tismotha u l-ħmira tmut; jekk titfa’ ilma kiesaħ ħafna, kapaċi tmajna l-proċess li l-ħmira tagħmel biex tgħolli l-għaġina u tkun qisek m’għamilt ħmira xejn
  7. Għaġen sew. L-għaġina turik waħedha – meta ma tibqax twaħħal ma’ jdejk, ifisser li tkun lesta
  8. Għamilha f’forma ta’ balun, itfagħha fi skutella u għattiha b’sarvetta ħalli tibqa’ tieħu l-arja u fl-istess ħin iżżomm umda. (Il-ħmira, f’dan il-każ, għandha bżonn l-arja biex tagħmel xogħolha)
  9. Ħalli l-għaġina toqgħod lejl

L-għada…

  1. Lesti tilar u għattieh bil-baking paper
  2. Roxx ftit dqiq fuq il-wiċċ fejn qed taħdem u għaġen l-għaġina għal ftit ħin
  3. Aqta’ biċċiet tal-għaġina u fforma ballun. Biex tieħu idea tal-qis, il-biċċiet li taqta’ – meta tagħmilhom f’forma ta’ ballun – iridu joqgħodu eżatt fil-pala t’idek meta tagħlaq idek ponn magħhom
  4. Poġġi fuq wiċċ ċatt u rrombla sakemm tifforma dudu ta’ l-għaġina imbagħad dawwar biex tagħmel ċirku ħalli tifforma l-qagħqa
  5. Ħu ħsieb li ma tagħmilx il-qagħqa ħoxna ħafna li jkollok toqba żgħira wisq fin-nofs. Dan għaliex il-ħmira, se ttella’ l-għaġina u tħaxxina, għalhekk tispiċċa b’qagħaq bla toqba fin-nofs
  6. Irridu noqgħodu attenti wkoll li nagħmluhom kollha ta’ l-istess ħxuna biex jinħmew kollha ndaqs
  7. Kull waħda li tlesti itfagħha fuq it-tilar
  8. Kif tkun użajt l-għaġina kollha, ħalli l-qagħaq joqgħodu għal siegħa
  9. F’xi ħin, ibda saħħan il-forn għal temperatura ta’ 16o°
  10. Qabel iddaħħal fil-forn, aqbad pinzell u isboħ ftit ilma fuq il-wiċċ ta’ kull qagħqa u ferrex ftit żerriegħa tal-ġulġlien
  11. Aħmi għal bejn 15 u għoxrin minuta
  12. Taħmix għal ħafna iktar ħin – il-qagħaq ikunu lesti meta tara li l-wiċċ ħa ftit kulur però li meta tmisshom ikunu għadhom ftit rotob

Vera tajbin jekk isservihom sħan. Jekk tpoġġihom f’kontenitur li jagħlaq tajjeb, għandhom iżommu friski għal jumejn jew tlieta

Recipe Type:
Average Member Rating

(2.3 / 5)

2.3 5 30
Rate this recipe

30 people rated this recipe

Related Recipes:
  • Ross il-Forn

  • Kejk Savarin

    Kejk Savarin

  • Figolla ta' l-Għid

    Figolla ta’ l-Għid (faċli)

  • Imbuljuta

    Imbuljuta

  • Kejk tal-Milied

    Kejk tal-Milied

Recipe Comments

Comments (2)

  1. posted by Mary Grace Cassar on 13th September 2014

    pagna interesanti b ricetti hfief u spegati fid dettal…. prosit pruvajt qaghaq tal hmira u tajbin.

      Reply
    • posted by Il-Kok on 13th September 2014

      Grazzi ħafna Mary Grace! Napprezza ħafna l-kumment u l-inkuraġġiment tiegħek.

        Reply

Leave a Reply to Il-Kok Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *